Varata f’Malta Prince’s Trust International mill-Prinċep ta’ Wales f’kollaborazzjoni ma’ The President’s Trust.

Prince’s Trust International varata f’Malta fil-Palazz il-Belt Valletta għall-ewwel darba bi proġetti barra l-pajjiż, permezz ta’ ħidma konġunta ma’ The President’s Trust, mwaqqfa mill-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca f’Mejju li għadda.

Wara ħidma mill-Eċċellenza Tagħha, Prince’s Trust International aċċettat li taħdem f’kollaborazzjoni mal-President’s Trust f’Malta biex bħalma ġara fl-Ingilterra, jiġu mmotivati, mgħejjuna u mogħtija opportunitajiet, żgħażagħ vulnerabbli Maltin.  L-iskop ta’ Prince’s Trust International u The President’s Trust huwa li flimkien jagħtu ċ-ċans lil żgħażagħ vulnerabbli opportunita’ biex isaħħu l-ħiliet, motivazzjoni u l-karriera tagħhom.  Kemm ilha mwaqqfa Prince’s Trust mill-Prinċep ta’ Wales, din għenet ‘il fuq minn 800,000 żgħażagħ fl-Ingilterra.

Waqt li ġiet varata Prince’s Trust International f’Malta wara ħidma mal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, il-Prinċep ta’ Wales qal li jinsab ħerqan ħafna għax-xogħol li se twettaq The President’s Trust f’Malta.  Bħalissa The President’s Trust għaddejja bi proġett ma’ erba’ żgħażagħ Maltin li qed jingħataw taħriġ permezz tal-Get Into Project b’kollaborazzjoni ma’ Marks & Spencer.

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li tinsab ħerqana biex The President’s Trust tasal għall-iskop ewlieni tagħha li permezz ta’ ħidma u kollaborazzjoni ma’ għadd ta’ negozji f’Malta, żgħażagħ jintrefgħu mill-faqar.  Iżda mhux hekk biss, li dawn iż-żgħażagħ bil-ħiliet li jkunu kisbu jimxu ‘l quddiem fil-karriera tagħhom u jkattru ‘l ġid mhux għalihom biss iżda wkoll għal dawk ta’ madwarhom.