Varata l-Istrina t’Għawdex 2015

Dalgħodu l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca varat  l-Istrina t’Għawdex 2015, fejn għat-tieni sena l-Istrina se ssir ukoll minn Għawdex.    L-Istrina f’Għawdex se ssir fit-12, 19 u 20 ta’ Diċembru bil-President ta’ Malta flimkien mas-Sur Preca żżur il-belt Victoria u l-irħula kollha f’Għawdex.

Il-President ta’ Malta spjegat li l-Istrina qed terġa’ ssir minn Għawdex biex tingħata viżibilta’ għall-kontribuzzjoni li dejjem taw l-Għawdxin lill-Malta Community Chest Fund.  Il-President spjegat li l-MCCF hija l-Fond tal-ġenerożita’ tal-Maltin u l-Għawdxin.  Spjegat li l-Malta Community Chest Fund hija differenti minn NGO’s oħra, għaliex ma tieħu ebda sussidji mingħand il-Gvern, iżda topera bil-ġenerożita’ tal-poplu Malti u Għawdxi.   Il-President spjegat li l-Istrina t’Għawdex ssir billi tinżel fil-qalb tal-komunitajiet fejn hi bħala President żzur kull lokalita’ f’Għawdex.

Il-President appellat biex l-Istrina t’Għawdex terġa’ tkun esperjenza mill-isbaħ fejn il-lokalitajiet oħra f’Għawdex jikkreaw l-atmosfera ta’ solidarjeta’ fl-irħula.

L-Isqof t’Għawdex Monsinjur Mario Grech qal li l-Istrina hija għajnuna lill-familji, hekk kif waħda mill-ikbar kawżi li ġġib weġgħat kbar fil-familji huwa l-faqar.  L-Isqof faħħar lill-President għall-impenn tagħha biex taħdem kontra l-faqar u għalhekk qal li bħala Knisja se tkompli tagħti wkoll l-appoġġ tagħha lill-Malta Community Chest Fund.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tkellem il-Minsitru għal Għawdex Dr.Anton Refalo li appella lill-poplu Għawdxi biex f’dawn it-tlett ijiem tal-Istrina f’Għawdex jingħaqdu mal-President ta’ Malta li qed taħdem tant biex ssaħħaħ lill-batut permezz tal-Malta Community Chest Fund.

Tkellmet ukoll is-Segretarju Parlamentari   għad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilita’ u anzjanita’ attiva Dr.Justyne Caruana li wkoll ħeġġet biex l-Għawdxin jikkonkorru għall-Istrina t’Għawdex.

Tkellem il-kelliem  tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Dr.Chris Said li spjega kif l-Istrina hija attivita’ ta’ għaqda ta’ poplu u li għalhekk attivita’ bħal din iġġib tant ferħ.

L-Istrina t’Għawdex se twassal biex il-President ta’ Malta flimkien mas-Sur Preca u uffiċjali tal-Malta Community Chest Fund se jżuru kull lokalita’ f’Għawdex biex f’atmosfera ta’ festa qalb il-komunitajiet Għawdxin, jinġabru fondi għall-Istrina 2015.