Waqt laqgħa li kellha l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca mal-Prince’s Trust tal-Ingilterra mwaqqfa mill-Prinċep Karlu, tħabbar li se jitwaqqfu programmi soċjo-edukattivi b’risq żgħażagħ li jsofru minn esklużjoni soċjali. Dawn il-programmi soċjo-edukattivi tal-Prince’s Trust bl-appoġġ tal-HSBC Bank Malta, li se joperaw taħt l-awspiċi tal-Uffiċċju tal-President huma frott ta’ taħdidiet li bdiet il-President mal-HSBC Bank Malta f’April ta’ din is-sena. Waqt il-laqgħa l-Kap Eżekuttiv tal-Prince’s Trust f’Londra, Martina Milburn qalet li Malta se tkun l-ewwel pajjiż li fih din it-Trust se tkun qed tiftaħ proġetti lil hinn mir-Renju Unit.
Martina Milburn spjegat lill-President ta’ Malta kif il-Prince’s Trust tagħti ħajja ġdida lil żgħażagħ li jkunu deskritti mis-soċjetà bħala falliment, fosthom żgħażagħ bla saqaf fuq rashom, u żgħażagħ li jisfaw jaqgħu fiċ-ċirku tal-kriminalità. Semmiet stejjer ta’ adoloxxenti u żgħażagħ li minn sitwazzjoni ta’ faqar, mhux talli jsibu saqajhom b’impjiegi stabbli, talli jirnexxielhom jiksbu suċċess intraprenditorjali.
Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca qalet li l-edukazzjoni formali u informali hija ċ-ċavetta kontra l-faqar, u li programm bħal dan jagħti kuraġġ lil dawk li jsofru minn din l-esklużjoni soċjali.
Għal din il-laqgħa kien preżenti s-segretarju privat tal-Prinċep Karlu li wassal messaġġ ta’ awgurju lil Malta li qed tfakkar il-Ħamsin Anniversarju ta’ Indipendenza.