L-attività mtella’ mill-Malta Developers Association (MDA) tagħti xhieda oħra ta’ poplu li jaf juri l-valur tal-imħabba mingħajr kundizzjoni.
Sostniet dan il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, waqt ikla organizzata fil-Montekristo Estate, b’risq il-Malta Community Chest Fund nhar il-Ħamis, 24 ta’ Lulju, 2014.
Il-President Coleiro Preca rringrazzjat lill-MDA li organizzat din l-attività li permezz tagħha ntlaħqet is-somma ta’ 36,500 Ewro.
Sostniet li wasal il-mument li flimkien nogħlew mil-livell li nitħassru lil min jirrikorri għall-għajnuna u nagħtu d-dinjità permezz tas-solidarjetà.
Il-President ta’ Malta spjegat kif, sfortunatament f’dawn l-aħħar għaxar snin, l-inċidenza tal-mard tal-kanċer irduppjat u l-Malta Community Chest Fund huwa l-unika fond nazzjonali li qed jipprovdi fondi għall-kura.
“Il-Malta Community Chest Fund jista’ jitqies bħala l-fond li huwa sostnut mill-poplu Malti u Għawdxi, li jaħdem ukoll biex isalva l-ħajjiet”, sostniet il-President Coleiro Preca.
Sadanittant, Sandro Chetcuti, President tal-MDA, qal li dan il-ġest lejn il-Malta Community Chest Fund kien mill-qalb.
“Nappella lill-membri u l-benefatturi kollha biex ifittxu r-rikkezzi tal-qalb u jgħinu lil nies fil-bżonn għax ma tistax tqabbel dawn mar-rikkezzi materjali,” temm jgħid is-Sur Chetcuti.