Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca għamlet żjara uffiċjali fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO). Id-delegazzjoni ġiet milqugħa mill-Awditur Ġenerali Charles Deguara, u mid-Deputat Awditur Ġenerali Noel Camilleri. F’laqgħa mal-ogħla uffiċjali tal-NAO, il-President, f’isem il-Maltin u l-Għawdxin kollha raddet ħajr lill-Awditur Ġenerali u l-uffiċċju tiegħu tal-ħidma bla waqfien b’imparzjalità u integrità b’risq il-poplu Malti u Għawdxi. Il-President iddiskreviet l-uffiċċju bħala pilastru li fuqu trid tistrieħ id-demokrazija tagħna, u bħala wieħed li “jagħti s-serħan tal-moħħ lill-poplu tagħna.” Il-President qalet li tħares ’il quddiem li, anke fil-proċess tar-riforma kostituzzjonali, wieħed jagħti daqqa t’għajn lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika biex dan l-istess uffiċċju, u l-funzjonijiet tiegħu, ikomplu jissaħħu.
Din iż-żjara ġabet fi tmiem l-attivitajiet organizzati mill-NAO matul din is-sena li fiha dan l-uffiċċju kostituzzjonali kien qed ifakkar l-għoxrin anniversarju minn meta l-Parlament, b’mod unanimu, approva l-emendi fil-kostituzzjoni li permezz tagħhom twaqqaf fil-format preżenti tiegħu l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika. Permezz ta’ dawn l-emendi tant importanti, kemm dak f’Artiklu 108 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, kif ukoll permezz tal-liġi l-ġdida dwar l-Awditur Ġenerali u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, dak li sa dakinhar kien dipartiment tal-Gvern fil-Ministeru għall-Finanzi sar uffiċċju totalment awtonomu u indipendenti. Tali awtonomija sħiħa hija meqjusa bħala rekwiżit assolutament neċessarju għal kull uffiċċju nazzjonali tal-verifika serju f’pajjiż modern u demokratiku.
L-Awditur Ġenerali, filwaqt li rringrazzja lill-President għas-sostenn tagħha għal dan l-uffiċċju, stqarr li t-tmexxija u l-ħaddiema kollha ta’ dan l-uffiċċju huma kommessi li jibqgħu jħarsu l-awtonomija li ġiet mogħtija lilhom għoxrin sena ilu. Huwa enfasizza li dan jista’ jseħħ biss jekk ix-xogħol tagħhom jibqa’ dejjem ikun ibbażat fuq il-valuri fundamentali ta’ integrità, oġġettività u imparzjalità sħiħa. F’dan il-kuntest, Deguara faħħar l-impenn sħiħ u kostanti tad-Deputat Awditur Ġenerali, kif ukoll id-dedikazzjoni u professjonalità tal-management u tal-impjegati kollha tal-uffiċċju li, fl-aħħar mill-aħħar, għandu l-iskop ewlieni li jwassal għal tisħiħ fil-governanza fis-servizz pubbliku, fl-aħjar interess taċ-ċittadini tagħna.
Il-President ta’ Malta sabet ukoll il-ħin biex tiltaqa’ personalment mal-istaff tal-NAO biex tirringrazzjahom tal-ħidma tagħhom